Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Anton Refalo, nieda l-Agricultural Greenhouse Plastic Waste Collection Scheme, skema ġdida implimentata minn Riżorsi Agrikoli Malta (RAM) li se tipprovdi servizz organizzat għall-ġbir tal-iskart tal-plastik iġġenerat mis-serer agrikoli. L-inizjattiva hija maħsuba biex tappoġġja lill-bdiewa fl-immaniġġjar tal-iskart filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-ħarsien tal-ambjent.
L-iskema tirrappreżenta wkoll l-implimentazzjoni ta’ miżura oħra tal-Manifest Elettorali tal-Gvern, li għandha l-għan li tappoġġja lill-bdiewa permezz ta’ inizjattivi konkreti filwaqt li tippromwovi prattiki agrikoli aktar sostenibbli. Din il-miżura qed titwettaq f’inqas minn sena mill-pubblikazzjoni tal-Manifest Elettorali li fih ġiet proposta.
Waqt it-tnedija, il-Ministru Anton Refalo saħaq li din il-miżura hija parti mill-impenn tal-Gvern lejn il-bdiewa Maltin u Għawdxin.
“Din mhix biss miżura favur l-ambjent. Hija wkoll miżura favur il-bidwi. Aħna nemmnu li l-ħarsien tal-ambjent u l-appoġġ lill-bidwi għandhom jimxu id f’id,” qal il-Ministru.
Il-Ministru spjega li din l-inizjattiva twieġeb għal bżonn reali fis-settur agrikolu, filwaqt li tgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-iskart tal-plastik iġġenerat mis-serer.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Riżorsi Agrikoli Malta, Marielise Tabone, qalet li l-iskema se tgħin lill-Aġenzija tifhem aħjar il-ħtiġijiet tal-bdiewa u tippjana servizzi aktar effettivi għas-settur.
“Illum qed nieħdu pass ieħor lejn agrikoltura aktar sostenibbli, aktar responsabbli u aktar qrib il-ħtiġijiet reali tal-bdiewa tagħna,” qalet Marielise Tabone.
Hija spjegat li, permezz tal-iskema, il-bdiewa li joperaw serer agrikoli se jkunu jistgħu jirreġistraw l-interess tagħhom sabiex Riżorsi Agrikoli Malta torganizza servizz effiċjenti u mfassal skont il-ħtiġijiet tas-settur.
“L-għan tagħna mhuwiex biss li niġbru l-iskart iġġenerat mis-serer agrikoli, iżda li nibnu sistema li verament taħdem għall-bdiewa u li tkun sostenibbli fit-tul,” sostniet il-Kap Eżekuttiv.
L-iskema hija miftuħa għal bdiewa rreġistrati li joperaw serer agrikoli u li għandhom Numru ta’ Reġistrazzjoni tal-Bidwi u Ċertifikat ta’ Kategorizzazzjoni tal-Bidwi validi. L-applikazzjonijiet se jiġu evalwati minn Riżorsi Agrikoli Malta u l-applikanti eliġibbli jiġu kkuntattjati dwar id-data u l-arranġamenti għall-ġbir.
Aktar informazzjoni dwar l-iskema u l-proċess tal-applikazzjoni hija disponibbli fuq is-sit elettroniku ta’ Riżorsi Agrikoli Malta.